KAPITLU 59
Min hu Bin il-bniedem?
MATTEW 16:13-27 MARKU 8:22-38 LUQA 9:18-26
-
ĠESÙ JFEJJAQ LIL RAĠEL AGĦMA
-
PIETRU SE JINGĦATA L-IMFIETAĦ TAS-SALTNA
-
ĠESÙ JBASSAR IL-MEWT U L-IRXOXT TIEGĦU
Ġesù u d-dixxipli tiegħu jaslu Betsajda. In-nies imbagħad iġibulu raġel agħma u jitolbu lil Ġesù bil-ħrara biex imiss lir-raġel ħalli jfejqu.
Ġesù jaqbad lir-raġel minn idu u joħorġu ’l barra mir-raħal. Wara li jobżoq fuq għajnejn ir-raġel, Ġesù jistaqsih: “Qed tara xi ħaġa?” Ir-raġel iwieġeb: “Qed nara xi nies, għax qed nilmaħ bħal siġar, imma mexjin ’l hemm u ’l hawn.” (Marku 8:23, 24) Ġesù jpoġġi jdejh fuq għajnejn ir-raġel u jagħtih lura l-vista. Imbagħad lir-raġel li issa jistaʼ jara ċar jibagħtu lejn daru u jgħidlu biex ma jidħolx fir-raħal.
Imbagħad, Ġesù u d-dixxipli tiegħu jivvjaġġaw lejn ir-reġjun taʼ Ċesarija Filippi fit-Tramuntana. Għandhom telgħa twila taʼ xi 40 kilometru. Ir-raħal hu xi 350 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, u lejn il-Grigal hemm il-Muntanja Ħermon miksija silġ. Il-vjaġġ x’aktarx jiħdilhom ftit jiem.
F’xi ħin waqt il-vjaġġ, Ġesù jinqataʼ ftit waħdu biex jitlob. Fadal biss disaʼ jew għaxar xhur qabel mewtu, u Ġesù hu konċernat dwar id-dixxipli tiegħu. Dan l-aħħar, ħafna ma baqgħux isegwuh, u oħrajn milli jidher iħossuhom imħawdin jew diżappuntati. Forsi qed jaħsbu dwar għala rrifjuta l-isforzi tan-nies biex jagħmluh sultan jew għala ma riedx jagħti sinjal biex juri b’mod ċar min hu.
Meta d-dixxipli jmorru ħdejn il-post fejn qed jitlob, Ġesù jistaqsihom: “In-nies min qed jgħidu li hu Bin il-bniedem?” Huma jwieġbu: “Xi wħud jgħidu Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, jerġaʼ oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Iva, in-nies jaħsbu li Ġesù jistaʼ jkun wieħed minn dawn l-irġiel imqajmin mill-mewt. Biex ikun jaf x’qed jaħsbu d-dixxipli tiegħu, Ġesù jistaqsi: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru bla tlaqliq jgħidlu: “Int il-Kristu, Bin l-Alla l-ħaj.”—Mattew 16:13-16.
Ġesù jgħid li Pietru jistaʼ jkun hieni li Alla rrivelalu dan, u jżid jgħid: “Ngħidlek ukoll, Int Pietru, u fuq din il-blata nibni l-kongregazzjoni tiegħi, u l-bibien tal-Qabar ma jegħlbuhiex.” Ġesù jrid ifisser li hu nnifsu se jibni kongregazzjoni u li anki jekk il-membri tagħha jmutu mhux se jibqgħu taħt il-jasar tal-mewt jekk jibqgħu leali tul ħajjithom fuq l-art. Hu jwiegħed lil Pietru: “Nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet.”—Mattew 16:18, 19.
Hawnhekk Ġesù mhux qed jagħti lil Pietru l-ewwel post fost l-appostli, lanqas mhu qed jagħmlu l-pedament tal-kongregazzjoni. Ġesù nnifsu hu l-Blata li fuqha se tinbena l-kongregazzjoni tiegħu. (1 Korintin 3:11; Efesin 2:20) Imma Pietru se jingħata tliet imfietaħ. Se jkollu l-privileġġ li jiftaħ, biex ngħidu hekk, l-opportunità biex gruppi taʼ nies jidħlu fis-Saltna tas-smewwiet.
Atti 2:37, 38; 8:14-17; 10:44-48.
Pietru kien se juża l-ewwel muftieħ f’Pentekoste tas-sena 33 WK, billi juri lil-Lhud u lill-proseliti nedmin xi jridu jagħmlu biex isalvaw. Kien se juża t-tieni muftieħ biex jagħti lis-Samaritani li jemmnu l-opportunità biex jidħlu fis-Saltna t’Alla. Imbagħad, fis-sena 36 WK, Pietru kien se juża t-tielet muftieħ biex jagħti din l-opportunità lill-Ġentili mhux ċirkonċiżi, fosthom Kornelju u oħrajn.—F’din id-diskussjoni, l-appostli taʼ Ġesù jħossuhom inkwetati meta hu jbassar it-tbatija u l-mewt li dalwaqt se jiffaċċja f’Ġerusalemm. Peress li ma jifhimx li Ġesù se jiġi rxoxtat għall-ħajja fis-sema, Pietru jiġbdu lejh u jċanfru billi jgħidlu: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” Imma Ġesù jagħtih dahru u jwieġbu: “Itlaq minn quddiemi, Satana! Int tfixkil għalija, għax m’intix taħseb il-ħsibijiet t’Alla imma tal-bnedmin.”—Mattew 16:22, 23.
Ġesù issa jsejjaħ ħdejh lil oħrajn flimkien mal-appostli u jispjega li mhux se jkun faċli li jsegwuh. Hu jgħid: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu u jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu u jibqaʼ miexi warajja. Għax kulmin irid isalva ruħu jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija u minħabba l-aħbar tajba jsalvaha.”—Marku 8:34, 35.
Iva, biex juru li jistħoqqilhom l-approvazzjoni taʼ Ġesù, is-segwaċi tiegħu jeħtieġ ikunu kuraġġużi u lesti li jagħmlu sagrifiċċji. Ġesù jgħid: “Kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi f’din il-ġenerazzjoni adultera u midinba, Bin il-bniedem ukoll jistħi minħabba fih meta jasal fil-glorja taʼ Missieru maʼ l-anġli mqaddsa.” (Marku 8:38) Iva, meta Ġesù jiġi, se “jħallas lil kull wieħed skond għemilu.”—Mattew 16:27.