Żewġ Slaten f’Konflitt
Kapitlu Tlettax
Żewġ Slaten f’Konflitt
1, 2. Għala għandna nuru interess fil-profezija dokumentata f’Danjel kapitlu 11?
ŻEWĠ slaten rivali huma mqabbdin f’xulxin f’taqbida sfrenata għas-supremazija. Hekk kif igerbu s-snin, daqqa jkun wieħed minn fuq, imbagħad l-ieħor. Minn żmien għal żmien, sultan wieħed jaħkem b’mod suprem filwaqt li l-ieħor isir inattiv, u jkun hemm perijodi li fihom ma jsir ebda konflitt. Imma mbagħad f’daqqa waħda tiżbroffa battalja oħra, u l-konflitt jibqaʼ sejjer. Fost il-parteċipanti f’dan id-dramm insibu lil Selewku I Nikator, Sultan tas-Sirja, lil Ptolomew Lagu, Sultan taʼ l-Eġittu, lil Kleopatra I, Prinċipessa tas-Sirja u Sultana taʼ l-Eġittu, lil Awgustu u Tiberju, Imperaturi taʼ Ruma, u lil Żenobja, Sultana taʼ Palmira. Hekk kif il-konflitt jersaq lejn tmiemu, il-Ġermanja Nazista, il-blokk taʼ ġnus Komunisti, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, il-Lega tan-Nazzjonijiet, u l-Ġnus Magħquda kienu involuti wkoll. Il-final huwa episodju li dawn l-entitajiet politiċi ma jantiċipawhx. L-anġlu taʼ Jehovah ddikjara din il-profezija eċċitanti lill-profeta Danjel xi 2,500 sena ilu.—Danjel, kapitlu 11.
2 Min jaf kemm ħassu eċċitat Danjel meta semaʼ lill-anġlu jirrivelalu fid-dettall ir-rivalità taʼ bejn żewġ slaten futuri! Id-dramm jinteressa lilna wkoll, għax it-taqbida għall-poter bejn iż-żewġ slaten għadha sejra sa żmienna. Il-fatt li naraw kif l-istorja wriet li l-ewwel parti tal-profezija kienet vera se jsaħħilna l-fidi u l-fiduċja fit-twettiq ċert taʼ l-aħħar parti tar-rakkont profetiku. Li noqogħdu attenti għal din il-profezija se jagħtina fehma ċara dwar fejn aħna fil-medda taż-żmien. Dan se jqawwilna wkoll id-determinazzjoni tagħna li nibqgħu newtrali fil-konflitt waqt li nistennew bil-paċenzja li Alla jaġixxi għan-nom tagħna. (Salm 146:3, 5) Mela, b’attenzjoni profonda, ejja niftħu widnejna sewwa hekk kif l-anġlu taʼ Jehovah jkellem lil Danjel.
KONTRA S-SALTNA TAL-GREĊJA
3. L-anġlu lil min appoġġa “fl-ewwel sena tas-sultan Dariju tal-Medja”?
3 “Jien,” qal l-anġlu, “fl-ewwel sena tas-sultan Dariju tal-Medja kont wieqaf biex ngħinu u nagħmillu l-qalb.” (Danjel 11:1) Dariju kien miet, imma l-anġlu rrefera għar-renju tiegħu bħala l-punt minfejn beda l-messaġġ profetiku. Kien dan is-sultan li kien ordna li Danjel jinħareġ mill-ħofra taʼ l-iljuni. Dariju kien ħareġ ukoll digriet li bih is-sudditi kollha tiegħu kellhom jibżgħu minn dak Alla taʼ Danjel. (Danjel 6:22-28 [21-27, NW]) Madankollu, dak li l-anġlu waqaf għalih biex jappoġġah ma kienx Dariju l-Medi, imma sieħeb l-anġlu, Mikiel—il-prinċep tal-poplu taʼ Danjel. (Qabbel Danjel 10:12-14.) L-anġlu t’Alla pprovda dan l-appoġġ waqt li Mikiel tqabad mal-prinċep demoniku tal-Medo-Persja.
4, 5. Min kienu l-erbaʼ slaten imbassrin tal-Persja?
4 Kompla l-anġlu t’Alla: “Ara, iqumu tliet slaten oħra fil-Persja; mbagħad jiġi ieħor, ir-rabaʼ wieħed, li jkun għani aktar minnhom ilkoll. Dan, wara li jkun tqawwa bl-għana tiegħu, jibda jxewwex lil kulħadd għas-saltna tal-Greċja.” (Danjel 11:2) Min kienu sewwa sew dawn il-ħakkiema Persjani?
5 L-ewwel tliet slaten kienu Ċiru l-Kbir, Kambise II, u Dariju I. Ladarba Bardija (jew forsi xi pretendent li kien jismu Gawmata) ħakem għal sebaʼ xhur biss, il-profezija ma kkalkulatux ir-renju qasir tiegħu. Fis-sena 490 Q.E.K., it-tielet sultan, Dariju I, ipprova jinvadi l-Greċja għat-tieni darba. Madankollu, il-Persjani sofrew telfa kbira f’Maratona u rtiraw lejn l-Asja Minuri. Għalkemm Dariju ħejja bil-għaqal għal kampanja oħra kontra l-Greċja, ma setax iwettaqha qabel ma miet erbaʼ snin wara. Dan tħalla f’idejn ibnu u s-suċċessur tiegħu, ir-“rabaʼ” sultan, Sersi I. Dan kien is-Sultan Assweru li żżewweġ lil Ester.—Ester 1:1; 2:15-17.
6, 7. (a) Ir-rabaʼ sultan kif ‘xewwex lil kulħadd għas-saltna tal-Greċja’? (b) X’kien ir-riżultat tal-kampanja taʼ Sersi kontra l-Greċja?
6 Sersi I tabilħaqq li ‘xewwex lil kulħadd għas-saltna tal-Greċja,’ jiġifieri, l-istati indipendenti Griegi bħala grupp. “Imħeġġeġ minn kortiġjani ambizzjużi,” jgħid il-ktieb The Medes and Persians—Conquerors and Diplomats, “Sersi fetaħ attakk bil-baħar u minn fuq l-art.” Erodotu, storjografu Grieg tal-ħames seklu Q.E.K., jikteb li “ebda spedizzjoni oħra mqabbla maʼ din ma kienet tisboqha.” Il-kitba tiegħu tgħid li l-qawwa navali “kienet tammonta b’kollox għal 517,610 irġiel. In-numru taʼ suldati bil-mixi kien 1,700,000; dak taʼ l-ifirsa 80,000; maʼ dawn trid iżżid l-Għarab rekbin fuq l-iġmla, u l-Libjani li ġġieldu minn fuq il-karrijiet, u dawn nikkalkulahom xi 20,000. Għalhekk, in-numru kollu kemm hu tal-qawwiet armati fuq l-art u fuq il-baħar magħdudin flimkien jammonta għal 2,317,610 irġiel.”
7 Ladarba l-objettiv tiegħu kien konkwista sħiħa, Sersi I immobilizza l-qawwa militari u enormi tiegħu kontra l-Greċja fis-sena 480 Q.E.K. Billi f’Termopili għelbu tattika tal-Griegi li biha pprovaw jirbħu ż-żmien, il-Persjani għamlu ħerba sħiħa minn Ateni. Iżda, f’Salamina, ġarrbu telfa terribbli. Rebħa Griega oħra seħħet fi Platea, fis-sena 479 Q.E.K. Ebda wieħed mis-sebaʼ slaten li kienu suċċessuri taʼ Sersi fuq it-tron taʼ l-Imperu Persjan matul il-143 sena li kien imiss ma ggwerra kontra l-Greċja. Imma mbagħad qam sultan setgħani fil-Greċja.
SALTNA KBIRA MAQSUMA F’ERBGĦA
8. Liema “sultan qawwi” qam, u kif ġie li “jħaddem ħakma kbira”?
8 “[I]qum sultan qawwi li jħaddem ħakma kbira u jibda jagħmel li jfettillu,” qal l-anġlu. (Danjel 11:3) Alessandru, li kellu għoxrin sena, ‘qam’ bħala sultan tal-Maċedonja fis-sena 336 Q.E.K. Hu fil-fatt sar “sultan qawwi”—Alessandru l-Kbir. Imbottat minn pjan taʼ missieru, Filippu II, hu ħataf il-provinċji Persjani fil-Lvant Nofsani. Billi qasmu x-xmajjar Ewfrat u Tigri, is-47,000 raġel li kellu ferrxu lit-truppi taʼ Dariju III li kienu jammontaw għal 250,000 f’Gawgamela. Sussegwentement, Dariju ħarab u nqatel, u b’hekk intemmet id-dinastija Persjana. Il-Greċja issa saret il-qawwa dinjija, u Alessandru ‘ħaddem ħakma kbira u għamel li fettillu.’
9, 10. Kif uriet li kienet vera l-profezija li s-saltna t’Alessandru ma ħaduhiex uliedu warajh?
9 Il-ħakma t’Alessandru fuq id-dinja kellha tkun qasira, għax l-anġlu t’Alla żied: “Meta jkun waqqaf is-saltna, is-saltna tiegħu tisfaxxa u tinqasam lejn l-erbat irjieħ tas-sema; mhux uliedu jeħduha warajh, anqas ma tkun maħkuma kif ikun ħakimha hu, għax saltnatu tittieħed minn idejn uliedu u tingħata lil oħrajn.” (Danjel 11:4) Alessandru kien għadu m’għalaqx it-33 sena meta marda li ġiet fuqu ħabta u sabta qatlitu f’Babilonja fis-sena 323 Q.E.K.
10 L-imperu vast t’Alessandru m’għaddiex f’idejn “uliedu.” Ħuh Filippu III Arridew saltan għal inqas minn sebaʼ snin u, fis-sena 317 Q.E.K., inqatel skond kif xtaqet Olimpja, omm Alessandru. Alessandru IV, bin Alessandru, ħakem sas-sena 311 Q.E.K. meta safaʼ mejjet minn taħt idejn Kassandru, wieħed mill-ġenerali taʼ missieru. Erakles, l-iben illeġittimu t’Alessandru, ipprova jaħkem f’isem missieru imma ġie assassinat fis-sena 309 Q.E.K. Hekk intemmet il-linja t’Alessandru, billi ‘saltnatu’ telqet mingħand il-familja tiegħu.
11. Is-saltna t’Alessandru kif ‘sfaxxat u nqasmet lejn l-erbat irjieħ tas-sema’?
11 Wara l-mewt t’Alessandru, saltnatu nqasmet “lejn l-erbat irjieħ tas-sema.” Il-ħafna ġenerali tiegħu ġġieldu bejniethom waqt li pprovaw jaħtfu territorju kemm jifilħu. Il-Ġeneral Antigonu I, raġel b’għajn waħda, ipprova jieħu taħt idejh l-imperu kollu t’Alessandru. Imma nqatel f’battalja ġewwa Ipsu fi Friġja. Sas-sena 301 Q.E.K., erbgħa mill-ġenerali t’Alessandru kienu fil-poter fuq it-territorju vast konkwistat mill-kmandant tagħhom. Kassandru ħakem fuq il-Maċedonja u l-Greċja. Lisimaku kiseb il-kontroll fuq l-Asja Minuri u t-Traċja. Selewku I Nikator ħataf il-Mesopotamja u s-Sirja. U Ptolomew Lagu ħa l-Eġittu u l-Palestina. Fi qbil mal-kelma profetika, l-imperu kbir t’Alessandru nqasam f’erbaʼ saltniet Ellenistiċi.
JOĦORĠU ŻEWĠ SLATEN RIVALI
12, 13. (a) Erbaʼ saltniet Ellenistiċi kif tnaqqsu għal tnejn? (b) Selewku liema dinastija stabbilixxa fis-Sirja?
12 Ftit snin wara li telaʼ fil-poter, Kassandru miet, u fis-sena 285 Q.E.K., Lisimaku ħa taħt idejh il-parti Ewropea taʼ l-Imperu Grieg. Fis-sena 281 Q.E.K., Lisimaku nqatel fil-battalja kontra Selewku I Nikator, u b’hekk Selewku ħa l-kontroll fuq il-porzjon il-kbir tat-territorji Asjatiċi. Antigonu II Gonata, neputi taʼ wieħed mill-ġenerali t’Alessandru, telaʼ fuq it-tron tal-Maċedonja fis-sena 276 Q.E.K. Maż-żmien, il-Maċedonja saret tiddependi minn Ruma u fis-sena 146 Q.E.K. spiċċat bħala provinċja taʼ Ruma.
13 Mill-erbaʼ saltniet Ellenistiċi tnejn biss issa baqgħu prominenti—waħda taħt Selewku I Nikator u l-oħra taħt Ptolomew Lagu. Selewku stabbilixxa d-dinastija Selewċida fis-Sirja. Fost il-bliet li bena kien hemm Antjokja—il-kapitali Sirjana l-ġdida—u l-port taʼ Selewċja. Iktar tard l-appostlu Pawlu għallem f’Antjokja, fejn is-segwaċi taʼ Ġesù bdew jissejħu Kristjani għall-ewwel darba. (Atti 11:25, 26; 13:1-4) Selewku ġie assassinat fis-sena 281 Q.E.K., imma d-dinastija tiegħu ħakmet sas-sena 64 Q.E.K. meta l-Ġeneral Ruman Gnew Pompei għamel lis-Sirja provinċja Rumana.
14. Id-dinastija Ptolomajka meta ġiet stabbilita fl-Eġittu?
14 Is-saltna Ellenistika li damet l-iktar mill-erbaʼ saltniet kienet dik taʼ Ptolomew Lagu, jew Ptolomew I, li assuma t-titlu taʼ sultan fis-sena 305 Q.E.K. Id-dinastija Ptolomajka li hu stabbilixxa kompliet taħkem l-Eġittu sakemm waqgħet taħt idejn Ruma fis-sena 30 Q.E.K.
15. Liema żewġ slaten b’saħħithom ħarġu mill-erbaʼ saltniet Ellenistiċi, u dawn taw bidu għal liema taqbida?
15 B’hekk, minn erbaʼ saltniet Ellenistiċi, ħarġu żewġ slaten b’saħħithom—Selewku I Nikator fuq is-Sirja u Ptolomew I fuq l-Eġittu. B’dawn iż-żewġ slaten bdiet it-taqbida twila bejn “is-sultan tat-tramuntana” u s-“sultan tan-nofsinhar,” deskritta f’Danjel kapitlu 11. L-anġlu taʼ Jehovah ma semmiex l-ismijiet tas-slaten, għax l-identità u n-nazzjonalità taʼ dawn iż-żewġ slaten kellhom jinbidlu matul is-sekli. Waqt li ħalla barra dettalji mhux bżonnjużi, l-anġlu semma biss ħakkiema u ġrajjiet li għandhom x’jaqsmu mal-konflitt.
JIBDA L-KONFLITT
16. (a) Iż-żewġ slaten kienu lejn it-tramuntana u lejn in-nofsinhar taʼ min? (b) Liema slaten kienu l-ewwel li assumew l-irwol tas-“sultan tat-tramuntana” u tas-“sultan tan-nofsinhar”?
16 Iftaħ widnejk! Biex jiddeskrivi l-bidu taʼ dan il-konflitt drammatiku, l-anġlu taʼ Jehovah jgħid: “Is-sultan tan-nofsinhar jitqawwa, imma wieħed mill-prinċpijiet tiegħu [t’Alessandru] jsir aqwa minnu u [s-sultan tat-tramuntana] jagħmel il-ħakma tiegħu ħakma kbira.” (Danjel 11:5) It-titli “sultan tat-tramuntana” u “sultan tan-nofsinhar” jirreferu għal slaten lejn it-tramuntana u n-nofsinhar tal-poplu taʼ Danjel, li sa dak iż-żmien kienu nħelsu mill-jasar Babiloniż u ttieħdu lura lejn il-pajjiż taʼ Ġuda. L-ewwel “sultan tan-nofsinhar” kien Ptolomew I taʼ l-Eġittu. Wieħed mill-ġenerali t’Alessandru li ħareġ rebbieħ kontra Ptolomew I u ħakem b’“ħakma kbira” kien Selewku I Nikator, is-Sultan Sirjan. Dan assuma l-irwol tas-“sultan tat-tramuntana.”
17. Min kien qiegħed jiddomina l-pajjiż taʼ Ġuda fil-bidu tal-konflitt bejn is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar?
17 Meta beda l-konflitt, il-pajjiż taʼ Ġuda kien taħt id-dominju tas-sultan tan-nofsinhar. Minn madwar is-sena 320 Q.E.K. ’l quddiem, Ptolomew I influwenza lil xi Lhud biex jiġu l-Eġittu u jifformaw kolonja. B’hekk żviluppat kolonja Lhudija f’Lixandra, fejn Ptolomew I bena librerija famuża. Il-Lhud f’Ġuda baqgħu taħt il-kontroll taʼ l-Eġittu Ptolomajk, is-sultan tan-nofsinhar, sas-sena 198 Q.E.K.
18, 19. Mal-medda taż-żmien, iż-żewġ slaten rivali kif daħlu f“arranġament ekwu”?
18 Dwar iż-żewġ slaten, l-anġlu pprofetizza: “Wara xi snin, dawn it-tnejn jagħmlu għaqda bejniethom; bint is-sultan tan-nofsinhar tmur għand is-sultan tat-tramuntana biex iseħħ il-ftehim, iżda hi ma jkollhiex ħila żżomm setgħetha. Is-sultan ma jibqax ħaj, anqas nislu, u hi tkun mogħtija għall-mewt, flimkien maʼ dawk li jkunu wassluha, maʼ binha u maʼ dak li jkun żamm magħha.” (Danjel 11:6) Dan kollu kif seħħ?
19 Il-profezija ma kkalkulatx lil Antijoku I, l-iben u s-suċċessur taʼ Selewku I Nikator, għaliex hu ma ġġieled l-ebda gwerra deċiżiva kontra s-sultan tan-nofsinhar. Imma s-suċċessur tiegħu, Antijoku II, iġġieled gwerra fit-tul kontra Ptolomew II, bin Ptolomew I. Antijoku II u Ptolomew II rispettivament ifformaw is-sultan tat-tramuntana u s-sultan tan-nofsinhar. Antijoku II kien miżżewweġ lil Laodiċe, u dawn kellhom iben jismu Selewku II, mentri Ptolomew II kellu tifla jisimha Bereniċe. Fis-sena 250 Q.E.K., dawn iż-żewġ slaten daħlu fi “ftehim.” Biex iħallas il-prezz taʼ din l-alleanza, Antijoku II ddivorzja lil martu Laodiċe u żżewweġ lil Bereniċe, “bint is-sultan tan-nofsinhar.” Minn Bereniċe, hu kellu iben li sar il-werriet għat-tron tas-Sirja minflok ulied Laodiċe.
20. (a) Is-‘setgħa’ taʼ Bereniċe kif ma żammitx wieqfa? (b) Kif ġew ċeduti Bereniċe, “dawk li . . . wassluha,” u “dak li . . . żamm magħha”? (ċ) Min sar sultan tas-Sirja wara li Antijoku II tilef “nislu,” jew il-qawwa tiegħu?
20 Is-‘setgħa,’ jew il-qawwa t’appoġġ, taʼ Bereniċe kienet missierha, Ptolomew II. Meta dan miet fis-sena 246 Q.E.K., hi ‘ma kellhiex ħila żżomm setgħetha’ maʼ żewġha. Antijoku II warrabha, iżżewweġ mill-ġdid lil Laodiċe, u lil binhom innominah biex ikun is-suċċessur tiegħu. Kif kienet ippjanat Laodiċe, Bereniċe u binha ġew assassinati. B’mod evidenti, il-qaddejja li kienu ġabu lil Bereniċe mill-Eġittu lejn is-Sirja—“dawk li . . . wassluha”—spiċċaw bl-istess mod. Laodiċe vvelenat saħansitra lil Antijoku II, u għalhekk “nislu,” jew il-qawwa tiegħu, ukoll ma ‘baqax ħaj.’ Għaldaqstant, missier Bereniċe, u żewġha s-Sirjan—li temporanjament kien “żamm magħha”—it-tnejn li huma mietu. Dan ħalla lil Selewku II, bin Laodiċe, bħala sultan tas-Sirja. Is-sultan Ptolomajk li kien imiss kif kien se jirreaġixxi għal dan kollu?
SULTAN JIVVENDIKA RUĦU GĦALL-QTIL T’OĦTU
21. (a) Min kien wieħed mir-“rimja” taʼ ‘għeruq’ Bereniċe, u kif ‘qam’? (b) Ptolomew III kif ġie kontra l-“fortizza tas-sultan tat-tramuntana” u rebaħlu?
21 “Minn għeruqha tqum rimja flok is-sultan,” qal l-anġlu, “jiġi kontra l-eżerċtu, jidħol fil-fortizza tas-sultan tat-tramuntana, u jġib ruħu bl-iebes magħhom u jirbaħ.” (Danjel 11:7) Wieħed mir-“rimja” tal-ġenituri, jew ‘l-għeruq,’ taʼ Bereniċe kien ħuha. Mal-mewt taʼ missieru, hu ‘qam’ bħala s-sultan tan-nofsinhar, il-Fargħun Eġizzjan Ptolomew III. Minnufih hu rħielha biex jivvendika ruħu għall-qtil t’oħtu. Billi mmarċja kontra s-Sultan Sirjan Selewku II, li kien intuża minn Laodiċe biex toqtol lil Bereniċe u lil binha, hu ġie kontra l-“fortizza tas-sultan tat-tramuntana.” Ptolomew III ħa l-parti ffortifikata t’Antjokja u ta d-daqqa tal-mewt lil Laodiċe. Waqt li mexa lejn il-lvant billi għadda minn ġod-dominju tas-sultan tat-tramuntana, hu ħa l-priża minn Babilonja u mmarċja lejn l-Indja.
22. Ptolomew III x’ġab lura lejn l-Eġittu, u għala ‘għal xi snin ma ħadhiex kontra s-sultan tat-tramuntana’?
22 X’ġara mbagħad? L-anġlu t’Alla jgħidilna: “L-allat u l-idoli tagħhom iġorrhom lejn l-Eġittu bħala priża, flimkien mat-tagħmir prezzjuż tagħhom tal-fidda u d-deheb, u mbagħad għal xi snin ma jeħodhiex kontra s-sultan tat-tramuntana.” (Danjel 11:8) ’Il fuq minn 200 sena qabel, is-Sultan Persjan Kambise II kien ikkonkwista l-Eġittu u ġarr lura miegħu xi allat Eġizzjani, “l-idoli tagħhom.” Billi ħa l-priża minn Susan, dik li qabel kienet il-kapitali rjali tal-Persja, Ptolomew III ħa lura lil dawn l-allat u ħadhom bħala “priża” lejn l-Eġittu. Hu ġab lura wkoll bħala priża tal-gwerra għadd kbir taʼ “tagħmir prezzjuż . . . tal-fidda u d-deheb.” Billi kien obbligat irażżan xi rvell f’pajjiżu, Ptolomew III ‘ma ħadhiex kontra s-sultan tat-tramuntana,’ u b’hekk ma weġġgħux iktar.
IS-SULTAN SIRJAN JIRRITALJA
23. Is-sultan tat-tramuntana għala ‘mar lura f’pajjiżu’ wara li daħal fis-saltna tas-sultan tan-nofsinhar?
23 Kif irreaġixxa s-sultan tat-tramuntana? Intqallu lil Danjel: “Dan imur fis-saltna tas-sultan tan-nofsinhar u jerġaʼ lura f’pajjiżu.” (Danjel 11:9) Is-sultan tat-tramuntana—is-Sultan Sirjan Selewku II—irritalja. Daħal “fis-saltna,” jew il-qasam, tas-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar imma sofra telfa. Bi fdal żgħir biss mill-eżerċtu tiegħu, Selewku II mar “lura f’pajjiżu,” billi rtira lejn il-kapitali Sirjana t’Antjokja madwar is-sena 242 Q.E.K. Meta miet, ibnu Selewku III sar is-suċċessur tiegħu.
24. (a) Xi ġralu Selewku III? (b) Is-Sultan Sirjan Antijoku III kif ġie ‘bħal mewġa qawwija li ġġorr kollox quddiemha u baqaʼ għaddej’ minn ġod-dominju tas-sultan tan-nofsinhar?
24 Xi tbassar dwar in-nisel tas-Sultan Sirjan Selewku II? L-anġlu qal lil Danjel: “Uliedu jixxewwxu, jiġbru eżerċtu kbir u kotran, u, bħal mewġa qawwija li ġġorr kollox quddiemha u tibqaʼ għaddejja, huwa jerġaʼ jiġi biex għal darba oħra jqanqal taqbida sal-fortizza tiegħu.” (Danjel 11:10) Selewku III ġie assassinat, u b’hekk ir-renju tiegħu ntemm f’inqas minn tliet snin. Ħuh, Antijoku III, sar is-suċċessur tiegħu fuq it-tron tas-Sirja. Dan l-iben taʼ Selewku II ġemaʼ qawwiet armati kbar biex jattakka lis-sultan tan-nofsinhar, li sa dakinhar kien Ptolomew IV. Is-sultan Sirjan il-ġdid tat-tramuntana ġġieled b’suċċess kontra l-Eġittu u rebaħ lura l-port taʼ Selewċja, il-provinċja taʼ Ċelesirja, il-bliet taʼ Tir u Ptolemajs, u bliet oħrajn fil-viċin. Hu għeleb b’mod deċiżiv lil eżerċtu tas-Sultan Ptolomew IV u ħa ħafna mill-bliet taʼ Ġuda. Fir-rebbiegħa tas-sena 217 Q.E.K., Antijoku III telaq minn Ptolemajs u mar lejn it-tramuntana, “sal-fortizza tiegħu” fis-Sirja. Imma kien hemm bidla fil-qrib.
TINQALEB IL-FOLJA
25. Ptolomew IV fejn iltaqaʼ m’Antijoku III fil-battalja, u x’‘waqaʼ taħt idejn’ is-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar?
25 Bħal Danjel, aħna niftħu widnejna waqt li nħarsu ’l quddiem hekk kif l-anġlu taʼ Jehovah mbagħad ibassar: “Is-sultan tan-nofsinhar jimtela bil-qilla u joħroġ jitqabad mas-sultan tat-tramuntana, li jmur jiqaflu b’kotra kbira, iżda din il-kotra taqaʼ taħt idejh.” (Danjel 11:11) B’eżerċtu li kien fih 75,000 ruħ, Ptolomew IV, is-sultan tan-nofsinhar, mexa lejn it-tramuntana kontra l-għadu. Antijoku III, is-sultan Sirjan tat-tramuntana, kien bena “kotra kbira” taʼ 68,000 ruħ biex jiqaflu. Imma l-“kotra” ‘waqgħet taħt idejn’ is-sultan tan-nofsinhar fil-battalja ġewwa l-belt taʼ Rafija li kienet fuq il-kosta, viċin il-fruntiera taʼ l-Eġittu.
26. (a) Liema “kotra” nġarret lil hinn mis-sultan tan-nofsinhar fil-battalja taʼ Rafija, u x’kienu t-termini tat-trattat taʼ paċi magħmul hemmhekk? (b) Ptolomew IV kif ma ‘ssaħħaħx’? (ċ) Min sar is-sultan tan-nofsinhar li kien imiss?
26 Tissokta l-profezija: “Wara li jkun ġarr din il-kotra miegħu, jibda jitkabbar bih innifsu, u jixħet maʼ l-art eluf taʼ eluf; iżda, minkejja dan kollu, huwa ma jissaħħaħx.” (Danjel 11:12) Ptolomew IV, is-sultan tan-nofsinhar, “ġarr . . . miegħu” 10,000 Sirjan taʼ l-infanterija u 300 raġel tal-kavallerija li kollha qatilhom u ħa miegħu 4,000 bħala priġunieri. Is-slaten imbagħad għamlu trattat li bih Antijoku III żamm il-port taʼ Selewċja li kellu fis-Sirja imma tilef il-Feniċja u ċ-Ċelesirja. Bħala riżultat taʼ din ir-rebħa, qalb is-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar ‘tkabbret,’ speċjalment kontra Jehovah. Ġuda baqgħet taħt il-kontroll taʼ Ptolomew IV. Madankollu, dan ma ‘saħħaħx’ il-pożizzjoni tiegħu biex ikattar ir-rebħa tiegħu kontra s-sultan Sirjan tat-tramuntana. Minflok, Ptolomew IV taha għal ħajja taʼ tbaħrid, u ibnu taʼ ħames snin, Ptolomew V, sar is-sultan tan-nofsinhar li kien imiss xi snin qabel il-mewt t’Antijoku III.
JIRRITORNA L-KONKWISTATUR
27. Is-sultan tat-tramuntana kif irritorna ‘wara li għaddew xi snin’ biex jieħu lura xi territorji mingħand l-Eġittu?
27 Minħabba l-bravuri kollha tiegħu, Antijoku III ngħata t-titlu t’Antijoku l-Kbir. L-anġlu qal dwaru: “Is-sultan tat-tramuntana jerġaʼ jiġbor kotra akbar minn qabel, u wara li jgħaddu xi snin jiġi b’eżerċtu kbir u mgħammar tajjeb ħafna.” (Danjel 11:13) Dawn is-“snin” kienu jammontaw għal 16-il sena jew iktar wara li l-Eġizzjani għelbu lis-Sirjani f’Rafija. Meta ż-żagħżugħ Ptolomew V sar sultan tan-nofsinhar, Antijoku III irħielha b’“kotra akbar minn qabel” biex jieħu lura t-territorji li kien rebaħlu s-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar. B’dan l-iskop, hu ngħaqad maʼ Filippu V, Sultan tal-Maċedonja.
28. Is-sultan żagħżugħ tan-nofsinhar liema inkwiet kellu?
28 Is-sultan tan-nofsinhar kellu wkoll l-inkwiet fis-saltna tiegħu. “F’dak iż-żmien ikun hemm ħafna li jqumu kontra s-sultan tan-nofsinhar,” qal l-anġlu. (Danjel 11:14a) Fil-fatt, kienu ħafna li ‘qamu kontra s-sultan tan-nofsinhar.’ Minbarra li ħabbat wiċċu mal-qawwiet armati t’Antijoku III u l-alleat Maċedonjan tiegħu, is-sultan żagħżugħ tan-nofsinhar iffaċċja l-problemi li kellu f’daru fl-Eġittu. Minħabba li Agatokle, il-kustodju tiegħu li ħakem f’ismu, ittratta b’arroganza kbira lill-Eġizzjani, ħafna rribellaw. L-anġlu żied: “U fost il-poplu tiegħek ukoll ikun hemm dawk [‘ulied il-ħallelin,’ NW] li jitfixklu biex isseħħ id-dehra, u dawn jaqgħu.” (Danjel 11:14b) Saħansitra xi wħud mill-poplu taʼ Danjel saru ‘ulied il-ħallelin,’ jew rivoluzzjonarji. Imma kwalunkwe “dehra” li kellhom dawn l-irġiel Lhud dwar li ma jħallux li art twelidhom tibqaʼ dominata mill-Ġentili kienet falza, u huma kienu se jfallu, jew “jaqgħu.”
29, 30. (a) Il-“forzi armati . . . tan-nofsinhar” kif ċedew taħt l-attakk mit-tramuntana? (b) Is-sultan tat-tramuntana kif ‘baqaʼ fis-sod fil-pajjiż glorjuż’?
29 L-anġlu taʼ Jehovah kompla jbassar: “Is-sultan tat-tramuntana jiġi u jtellaʼ rampi quddiem belt iffortifikata biex jeħodha taħt idejh, u la l-forzi armati tas-sultan tan-nofsinhar u lanqas l-aħjar nies tiegħu ma jżommuh, għax ma jkollhomx il-ħila jiqfulu. Dak li jkun ġie kontra tiegħu jagħmel bih li jrid bla ma jżommu ħadd, u jibqaʼ fis-sod fil-pajjiż glorjuż li jaqaʼ kollu kemm hu taħt idejh.”—Danjel 11:15, 16.
30 Forzi militari taħt Ptolomew V, jew “forzi armati . . . tan-nofsinhar,” ċedew taħt l-attakk mit-tramuntana. F’Panija (Ċesarija taʼ Filippi), Antijoku III kaxkar lil Skopa, il-Ġeneral Eġizzjan, u 10,000 raġel magħżulin, jew “l-aħjar nies,” ġewwa Sidon, “belt iffortifikata.” Hemmhekk Antijoku III ‘tellaʼ rampa,’ billi ħa dak il-port Feniċjan fis-sena 198 Q.E.K. Hu ‘għamel li ried’ għaliex il-qawwiet armati tas-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar ma kellhomx il-ħila jiqfulu. Antijoku III imbagħad immarċja kontra Ġerusalemm, il-kapitali taʼ Ġuda, il-“pajjiż glorjuż.” Fis-sena 198 Q.E.K., Ġerusalemm u Ġuda ma baqgħux dominati mis-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar imma saru dominati mis-sultan Sirjan tat-tramuntana. U Antijoku III, is-sultan tat-tramuntana, beda “jibqaʼ fis-sod fil-pajjiż glorjuż.” Kien hemm qerda minn “taħt idejh” għal-Lhud u l-Eġizzjani kollha li kienu jopponuh. Dan is-sultan tat-tramuntana kemm kien se jdum jagħmel dak li jogħġbu?
IL-KONKWISTATUR MIŻMUM MINN RUMA
31, 32. Is-sultan tat-tramuntana għala spiċċa jagħmel “ftehim” għall-paċi mas-sultan tan-nofsinhar?
31 L-anġlu taʼ Jehovah jagħtina din it-tweġiba: “[Is-sultan tat-tramuntana] iwaħħal f’rasu li jġib saltnatu kollha taħt setgħetu. Għalhekk jirranġa miegħu, jagħtih b’martu lil bintu biex forsi jeqridlu s-saltna, iżda ma jasalx u ma jirnexxilux.”—Danjel 11:17.
32 Antijoku III, is-sultan tat-tramuntana, ‘waħħal f’rasu’ li jiddomina l-Eġittu billi “jġib saltnatu kollha taħt setgħetu.” Imma spiċċa biex “jirranġa” maʼ Ptolomew V, is-sultan tan-nofsinhar. L-esiġenzi taʼ Ruma kienu ġagħlu lil Antijoku III ibiddel il-pjan tiegħu. Meta hu u s-Sultan Filippu V tal-Maċedonja ngħaqdu flimkien kontra s-sultan żagħżugħ taʼ l-Eġittu biex jiħdulu t-territorji tiegħu, il-kustodji taʼ Ptolomew V daru lejn Ruma għall-protezzjoni. Billi ħadet vantaġġ mill-opportunità biex tespandi l-isfera taʼ influwenza tagħha, Ruma wriet x’issarraf.
33. (a) X’kienu t-termini taʼ paċi bejn Antijoku III u Ptolomew V? (b) X’kien l-iskop taż-żwieġ bejn Kleopatra I u Ptolomew V, u għala falla l-pjan?
33 Sforzat minn Ruma, Antijoku III irranġa mas-sultan tan-nofsinhar. Minflok ma ċeda t-territorji konkwistati, bħalma kienet esiġiet Ruma, Antijoku III ippjana li jittrasferihom b’mod nominali billi jġiegħel lit-tifla tiegħu Kleopatra I—“bintu”—tiżżewweġ lil Ptolomew V. Provinċji li inkludew lil Ġuda, il-“pajjiż glorjuż,” kienu se jingħatawlha bħala dota. Madankollu, fiż-żwieġ li sar fis-sena 193 Q.E.K., is-sultan Sirjan ma ppermettiex li dawn il-provinċji jiħodhom Ptolomew V. Dan kien żwieġ politiku, ifformat biex l-Eġittu jaqaʼ taħt is-Sirja. Imma l-proġett falla għaliex Kleopatra I ‘ma baqgħetx tkun tiegħu,’ għax iktar tard hi appoġġat lil żewġha. Meta faqqgħet il-gwerra bejn Antijoku III u r-Rumani, l-Eġittu appoġġa lil Ruma.
34, 35. (a) Is-sultan tat-tramuntana lejn liema “gżejjer” dawwar wiċċu? (b) Ruma kif ‘pattithielu għall-imġiba tiegħu’ lis-sultan tat-tramuntana? (ċ) Antijoku III kif miet, u min laħaq bħala s-sultan tat-tramuntana li kien imiss?
34 Billi rrefera għat-telfiet tas-sultan tat-tramuntana, l-anġlu żied: “Wara dan huwa [Antijoku III] jdur għall-gżejjer, u ħafna minnhom jeħodhom taħt idejh; iżda jkun hemm prinċep [Ruma] li jrażżanlu l-wiċċ sfiq tiegħu, mhux biss, imma wkoll ipattilu għall-imġiba tiegħu. Mbagħad [Antijoku III] ikun irid jerġaʼ lura lejn il-fortizzi taʼ pajjiżu, imma jaqaʼ mifni fit-triq u ħadd iżjed ma jsibu.”—Danjel 11:18, 19.
35 Il-“gżejjer” kienu dawk tal-Maċedonja, il-Greċja, u l-Asja Minuri. Fis-sena 192 Q.E.K. faqqgħet gwerra fil-Greċja, u Antijoku III ġie mġiegħel jiġi l-Greċja. Peress li ma ħaditx pjaċir bl-isforzi tas-sultan Sirjan biex jaqbad iktar territorji hemmhekk, Ruma formalment iddikjarat gwerra kontra tiegħu. Fit-Termopili hu sofra telfa taħt idejn ir-Rumani. Xi sena wara li tilef il-battalja taʼ Manjesja fis-sena 190 Q.E.K., hu kellu jċedi t-territorji kollha li kellu fil-Greċja, fl-Asja Minuri, u f’inħawi lejn il-punent tal-Muntanji Tawru. Ruma ħaditlu multa kbira u stabbiliet id-dominazzjoni tagħha fuq is-sultan Sirjan tat-tramuntana. Imkeċċi mill-Greċja u mill-Asja Minuri u billi tilef kważi l-flotta kollha tiegħu, Antijoku III ‘reġaʼ lura lejn il-fortizzi taʼ pajjiżu,’ is-Sirja. Ir-Rumani kienu ‘pattewlu għall-imġiba tiegħu.’ Antijoku III miet waqt li kien qed jipprova jisraq tempju f’Għelam, il-Persja, fis-sena 187 Q.E.K. Hu b’hekk ‘waqaʼ’ fil-mewt u s-suċċessur tiegħu kien ibnu Selewku IV, is-sultan tat-tramuntana li kien imiss.
IL-KONFLITT JIBQAʼ SEJJER
36. (a) Is-sultan tan-nofsinhar kif ipprova jibqaʼ sejjer bit-taqbida, imma x’sar minnu? (b) Selewku IV kif waqaʼ, u min laħaq floku?
36 Bħala s-sultan tan-nofsinhar, Ptolomew V ipprova jikseb il-provinċji li suppost ġew għandu bħala d-dota taʼ Kleopatra, imma l-isforzi tiegħu spiċċaw fix-xejn għaliex ivvelenawh. Is-suċċessur tiegħu kien Ptolomew VI. Xi ngħidu għal Selewku IV? Billi kellu bżonn il-flus biex iħallas il-multa kbira li kellu jagħti lil Ruma, hu bagħat lil Eljodoru, it-teżorier tiegħu, biex jaħtaf ir-rikkezzi li jingħad li kienu maħżunin fit-tempju taʼ Ġerusalemm. Billi xtaq li jikseb it-tron, Eljodoru qatel lil Selewku IV. Madankollu, is-Sultan Ewmeni taʼ Pergamu u ħuh Attalu poġġew fuq it-tron lil Antijoku IV, ħu s-sultan assassinat.
37. (a) Antijoku IV kif ipprova juri li kien iktar setgħani minn Alla Jehovah? (b) Għal liema ħaġa wasslet il-profanazzjoni tat-tempju f’Ġerusalemm minn Antijoku IV?
37 Antijoku IV, is-sultan il-ġdid tat-tramuntana, ried juri li kien iktar setgħani minn Alla billi pprova jeqred għalkollox l-arranġament li Jehovah kellu għall-qima. Biex jisfida lil Jehovah, hu ddedika t-tempju taʼ Ġerusalemm lil Żews, jew Ġove. F’Diċembru tas-sena 167 Q.E.K. nbena artal pagan fuq l-artal il-kbir fil-bitħa tat-tempju, fejn kuljum kienet issir offerta maħruqa lil Jehovah. Għaxart ijiem wara, ġie offrut sagrifiċċju lil Żews fuq l-artal pagan. Din il-profanazzjoni wasslet għal rewwixta Lhudija taħt il-Makkabin. Antijoku IV ġġildilhom għal tliet snin sħaħ. Fis-sena 164 Q.E.K., fl-anniversarju tal-profanazzjoni, Ġuda l-Makkabi ddedika mill-ġdid it-tempju lil Jehovah u ġiet istitwita l-festa tad-dedikazzjoni—il-Ħannukah.—Ġwann 10:22.
38. Il-ħakma tal-Makkabin kif intemmet?
38 Il-Makkabin x’aktarx li għamlu xi trattat maʼ Ruma fis-sena 161 Q.E.K. u stabbilew saltna fis-sena 104 Q.E.K. Imma kompla n-nuqqas taʼ qbil bejnhom u bejn is-sultan Sirjan tat-tramuntana. Finalment, Ruma ntalbet tintervieni. Il-Ġeneral Ruman Gnew Pompej ħa lil Ġerusalemm fis-sena 63 Q.E.K. wara assedju li dam tliet xhur. Fis-sena 39 Q.E.K., is-Senat Ruman ħatar lil Erodi—li kien Edomi—biex ikun sultan tal-Ġudea. Dan ħa lil Ġerusalemm fis-sena 37 Q.E.K., u b’hekk temm il-ħakma tal-Makkabin.
39. Kif ibbenefikajt billi kkunsidrajt Danjel 11:1-19?
39 Kemm huwa kommoventi li tara l-ewwel parti tal-profezija taż-żewġ slaten f’konflitt titwettaq sa l-iċken dettall! Tabilħaqq, kemm huwa eċċitanti li tgħarrex fl-istorja taʼ xi 500 sena wara li l-messaġġ profetiku twassal lil Danjel u tidentifika l-ħakkiema li okkupaw il-pożizzjonijiet tas-sultan tat-tramuntana u tas-sultan tan-nofsinhar! Madankollu, l-identitajiet politiċi taʼ dawn iż-żewġ slaten jinbidlu hekk kif il-battalja taʼ bejniethom tibqaʼ sejra matul iż-żmien meta Ġesù Kristu għex fuq l-art u dritt sa żmienna. Billi nqabblu l-iżviluppi storiċi maʼ dettalji affaxxinanti rivelati f’din il-profezija, se nkunu nistgħu nidentifikaw lil dawn iż-żewġ slaten li qegħdin f’konflitt.
X’INNOTAJT?
• Liema żewġ linji taʼ slaten b’saħħithom ħarġu mis-saltniet Ellenistiċi, u dawn is-slaten taw bidu għal liema taqbida?
• Bħalma tbassar f’Danjel 11:6, iż-żewġ slaten kif daħlu fi “ftehim”?
• Il-konflitt kif baqaʼ sejjer bejn
Selewku II u Ptolomew III (Danjel 11:7-9)?
Antijoku III u Ptolomew IV (Danjel 11:10-12)?
Antijoku III u Ptolomew V (Danjel 11:13-16)?
• X’kien l-iskop taż-żwieġ bejn Kleopatra I u Ptolomew V, u għala falla l-pjan (Danjel 11:17-19)?
• Kif ibbenefikajt billi qgħadt attent għal Danjel 11:1-19?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Tabella/Stampi f’paġna 228]
SLATEN F’DANJEL 11:5-19
Is-Sultan Is-Sultan
tat-Tramuntana tan-Nofsinhar
Danjel 11:5 Selewku I Nikator Ptolomew I
Danjel 11:6 Antijoku II Ptolomew II
(martu Laodiċe) (bintu Bereniċe)
Danjel 11:7-9 Selewku II Ptolomew III
Danjel 11:10-12 Antijoku III Ptolomew IV
Danjel 11:13-19 Antijoku III Ptolomew V
(bintu, Kleopatra I) Suċċessur:
Suċċessuri: Ptolomew VI
Selewku IV u
Antijoku IV
[Stampa]
Munita bil-figura taʼ Ptolomew II u martu
[Stampa]
Selewku I Nikator
[Stampa]
Antijoku III
[Stampa]
Ptolomew VI
[Stampa]
Ptolomew III u s-suċċessuri tiegħu bnew dan it-tempju taʼ Ħorus f’Idfu, l-Eġittu taʼ Fuq
[Mappa/Stampi f’paġna 216, 217]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
It-titli “sultan tat-tramuntana” u “sultan tan-nofsinhar” jirreferu għal slaten fit-tramuntana u n-nofsinhar tal-pajjiż tal-poplu taʼ Danjel
IL-MAĊEDONJA
IL-GREĊJA
L-ASJA MINURI
L-IŻRAEL
IL-LIBJA
L-EĠITTU
L-ETJOPJA
IS-SIRJA
Babilonja
L-GĦARABJA
[Stampa]
Ptolomew II
[Stampa]
Antijoku l-Kbir
[Stampa]
Ċangatura li fiha digrieti uffiċjali maħruġin minn Antijoku l-Kbir
[Stampa]
Munita bil-figura taʼ Ptolomew V
[Stampa]
Bieb taʼ Ptolomew III, f’Karnak, l-Eġittu
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 210]
[Stampa f’paġna 215]
Selewku I Nikator
[Stampa f’paġna 218]
Ptolomew I