STORJA 57
Alla Jagħżel lil David
TISTAʼ tara x’ġara? It-tifel salva lil dan il-ħaruf ċkejken mill-ors. L-ors ġie u ħataf lill-ħaruf u kien se jieklu. Iżda t-tifel ġera warajhom, u salva lill-ħaruf minn ħalq l-ors. U meta l-ors qam, it-tifel ta daqqa lill-ors u qatlu! Darb’oħra, hu salva nagħġa minn iljun. Kemm hu kuraġġuż, hux? Taf min hu?
Dan hu ż-żagħżugħ David. Hu jgħix fil-belt taʼ Betlehem. Nannuh kien Għobed, it-tifel taʼ Rut u Bogħaż. Tiftakarhom? U missier David hu Ġesse. David jieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ missieru. David twieled 10 snin wara li Ġeħova għażel lil Sawl biex ikun is-sultan.
Jiġi ż-żmien meta Ġeħova jgħid lil Samwel: ‘Ħu ftit miż-żejt speċjali u mur fid-dar taʼ Ġesse f’Betlehem. Jien għażilt wieħed mit-tfal tiegħu biex ikun sultan.’ Meta Samwel jara lit-tifel il-kbir taʼ Ġesse, Eljab, hu jgħid lilu nnifsu: ‘Żgur li dan hu dak li Ġeħova għażel.’ Imma Ġeħova jgħidlu: ‘Tħarisx lejn kemm hu twil u gustuż. Jien m’għażiltux biex ikun sultan.’
Għalhekk, Ġesse jgħajjat lil ibnu Abinadab u jġibu għand Samwel. Imma Samwel jgħid: ‘Le, Ġeħova m’għażlux lanqas.’ Wara, Ġesse jġib lil ibnu Sammah. Samwel jgħid: ‘Le, Ġeħova m’għażlux lanqas.’ Ġesse jġib sebgħa minn uliedu quddiem Samwel, imma Ġeħova ma jagħżel lil ebda wieħed minnhom. ‘Dawn huma t-tfal kollha?’ jistaqsi Samwel.
‘Għad hemm iż-żgħir,’ jgħid Ġesse. ‘Imma qiegħed barra jieħu ħsieb in-nagħaġ.’ Meta David jidħol, Samwel jistaʼ jara li hu tifel gustuż. Ġeħova jgħidlu: ‘Dan hu l-wieħed. Ferraʼ ż-żejt fuqu.’ U hekk jagħmel Samwel. Iż-żmien għad jiġi meta David isir is-sultan t’Iżrael.