Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 3

L-Ewwel Raġel u Mara

L-Ewwel Raġel u Mara

X’HEMM differenti f’din l-​istampa? Hekk hu, fiha n-​nies. Dawn huma l-​ewwel raġel u mara. Min għamilhom? Kien Alla. Taf x’jismu? Jismu Ġeħova. U r-​raġel u l-​mara sar jisimhom Adam u Eva.

Alla Ġeħova kif għamel lil Adam? Hu ħa ftit trab mill-​art u minnu għamel forma taʼ ġisem perfett, għamlu raġel. Imbagħad nefaħ fi mnieħer ir-​raġel, u Adam beda jgħix.

Alla Ġeħova kellu biċċa xogħol għal Adam. Hu qal lil Adam biex jagħti isem lill-​annimali kollha. Adam forsi qagħad iħares lejn l-​annimali għal żmien twil ħalli jkun jistaʼ jagħżel l-​aħjar isem għalihom kollha. Waqt li Adam kien qed isemmi l-​annimali, hu beda jinduna b’xi ħaġa. Taf x’kienet?

L-​annimali kollha kellhom sieħba. Kien hemm iljunfanti papajiet u mamajiet, u kien hemm iljuni papajiet u mamajiet. Imma Adam ma kellu ’l ħadd bħala l-​mara tiegħu. Għalhekk, Ġeħova raqqad fil-​fond lil Adam, u ħadlu kustilja minn ġenbu. Ġeħova uża din il-​kustilja biex jagħmel mara għal Adam, u din saret il-​mara tiegħu.

Min jaf kemm kien ferħan Adam issa! U min jaf kemm kienet ferħana Eva li tqiegħdet fi ġnien tant sabiħ biex tgħix hemm! Issa setaʼ jkollhom it-​tfal u jgħixu ferħanin flimkien.

Ġeħova ried li Adam u Eva jgħixu għal dejjem. Hu riedhom jagħmlu l-​art kollha sabiħa daqs il-​ġnien tal-​Għeden. Min jaf kemm kienu ferħanin Adam u Eva meta ħasbu dwar li jagħmlu dan! Kieku int kont tixtieq tieħu sehem magħhom f’li tagħmel l-​art kollha ġnien sabiħ? Imma l-​ferħ t’Adam u Eva ma damx. Ejja naraw għala.